Kif tikseb abort sigur minn Malta

Minkejja li huwa meqjus bħala kura tas-saħħa essenzjali madwar id-dinja, l-abort għadu illegali f’Malta fiċ-ċirkostanzi kollha minħabba liġi dwar l-abort li tmur lura għas-seklu tmientax u li għad trid tiġi revokata. Madankollu, dan ma jwaqqafx lil mijiet ta' nisa f'Malta milli jagħmlu abort kull sena.


In-nisa li għandhom bżonn abort f’Malta jiffaċċjaw numru ta’ sfidi. L-istatus illegali tal-abort ifisser li m'hemm l-ebda servizz leġittimu tal-abort f'Malta, u bosta professjonisti tal-kura tas-saħħa, bħal tobba u nfermiera, jirrifjutaw li jiddiskutu l-abort mal-pazjenti tagħhom. Kien hemm ukoll xi nisa f'Malta li rrapurtaw esperjenzi negattivi meta semmew il-kelma abort mat-tabib tagħhom f'Malta.

Madanakollu, jekk għandek tqala mhux mixtieqa, kun af li m'intix waħdek. Ħafna nisa Maltin kienu fl-istess sitwazzjoni u rnexxielhom jiksbu abort sigur bl-għajnuna ta' organizzazzjonijiet u servizzi msemmija hawn taħt.

Biex jagħmlu abort, in-nisa f’Malta jridu jew jivvjaġġaw lejn kliniċi tal-abort barra l-pajjiż, xi drabi bl-għajnuna ta’ Abortion Support Network, jew iwettqu l-abort tagħhom stess billi jordnaw pilloli tal-abort online mingħand ċertu organizzazzjonijiet. Abort mwettaq min-nisa nfushom billi jużaw pilloli d-dar sar l-aktar metodu komuni tal-abort f’ħafna pajjiżi, inkluż f'Malta.

Meta tagħżel bejn abort bil-pilloli id-dar u abort fi klinika barra minn pajjiżek, żomm f'moħħok dan li ġej:

  • It-twettiq ta' abort fuqek innifsek f’Malta huwa illegali, għalkemm m’aħniex konxji ta’ xi kas fejn mara ttieħdet il-qorti talli temmet it-tqala tagħha f’dawn l-aħħar snin. Jekk tivvjaġġa barra minn pajjiżek u tagħmel abort f'pajjiż fejn huwa legali ma tkun qed tikser l-ebda liġi, għax m'hemm xejn fil-liġi Maltija li tikkriminalizza abort li sar barra minn Malta.
     

  • Abort bil-pilloli jista' jsir b'mod sikur id-dar fi kwalunkwe ħin sa 12-il ġimgħa ta' tqala. Abort kirurġiku normalment jitwettaq minn 8 ġimgħat 'il quddiem, sal-limitu legali tal-abort f'dak il-pajjiż (eż. Il-limitu fir-Renju Unit huwa ta' 24 ġimgħa f'ħafna każijiet, fl-Olanda huwa ta '22-23 ġimgħa).
     

  • Abort bil-pilloli normalment iqum inqas minn Euro 100, filwaqt li l-prezzijiet għal abort kirurġiku jibdew minn Euro 800 fi spejjes tal-klinika biss.
     

  • Ir-rati ta' kumplikazzjonijiet ta' abort b'pilloli u abort kirurġiku huma t-tnejn baxxi u simili fil-frekwenza. Jekk tesperjenza kumplikazzjonijiet wara li tuża pilloli għall-abort f'Malta, tista' tfittex l-għajnuna fl-isptar billi tiddikjara li qed tesperjenza korriment.

Dawn li ġejjin huma organizzazzjonijiet u servizzi favur l-għażla li jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni dwar kif tikseb abort minn Malta, jew jipprovdu servizzi ta' abort lin-nisa f'Malta:

Il-Family Planning Advisory Service (FPAS) huwa servizz li jipprovdi informazzjoni dwar għażliet fit-tqala, ikluż l-abort. FPAS huwa pprovdut minn tliet għaqdiet favur l-għażla Maltin, u l-voluntiera tagħhom jaħdmu b'mod disktet u professjonali. Agħfas hawn għal informazzjoni dwar kif tista' tikkuntatjhom b'xejn. Tista' wkoll iċċempel fuq 27782758.

 

Women on WebWomen Help Women huma organizzazzjonijiet ta' fama tajba li jipprovdu pilloli għal abort lil nisa f'pajjiżi fejn l-abort huwa restritt, inkluż Malta. Huwa faċli biex tordna mingħandhom - jekk tmur fuq il-websajt tagħhom u tagħfas fuq "I need an abortion", imbgħad twieġeb numru ta' mistoqsijiet fuq saħħtek u tħallas donazzjoni, jibgħatulek pakket bil-pilloli fuq indirizz li ttiehom. Skond linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-pilloli abortivi jistgħu jintużaw id-dar mill-mara nnifisiha sa' 12-il ġimgħa tqala.

 

Abortion Support Network (ASN) hija għaqda Ingliża li tista' tgħinek tibbukja titjiriet, akkomodazzjoni, u appuntamenti fi kliniki tal-abort barra minn Malta. Jekk ma tkunx tista' tħallas l-ispejjeż kollha relatati mal-ivjaġġar u l-klinika, ASN jistgħu jigħinuk billi jħallsulek parti minn dawn l-ispejjeż. Tista' ċċempel lil ASN fuq 27780991. Jekk ma jirrispondukx mil-ewwel, ħallilhom messaġġ u jċemplu lura.

 

Tista' ssib lista ta' kliniki li jipprovdu l-abort barra minn Malta, u li jaħdmu ma' Abortion Support Network hawnhekk. Tista' wkoll issib lista iktar kompluta ta' kliniki madwar l-Ewropa fuq abortion-clinics.eu. Jekk għandek il-mezzi biex tħallas privatament għal-abort tiegħek, allura tista' tibbukja ma' klinika direttament. Prezzijiet indikattivi tista' ssibhom hawnhekk. Jekk għandek bżonn għajnuna finanzjarja, kellem lil Abortion Support Network fuq 27780991.

Mistoqsijiet Komuni dwar l-Abort f'Malta u barra l-pajjiż

L-abort għandu ħafna riskji?


L-abort huwa sikur ħafna jekk isir b'metodu rakkomandat mill-WHO li huwa xieraq għall-istadju tat-tqala, u jekk il-persuna li tipprovdi l-abort (f'każ ta' abort magħmul fi kliniki) hija mħarrġa u kkwalifikata. Abort sigur jista' jsir bl-użu ta’ pilloli jew bi proċedura sempliċi ta’ outpatient. Statistikament, ir-riskju ta' mewt wara abort huwa madwar 14-il darba inqas mir-riskju ta' mewt waqt jew wara l-ħlas. Fl-2020 il-WHO aġġornat il-gwida tagħha biex tgħid li n-nisa jistgħu jieħdu Mifepristone u Misoprostol (pilloli tal-abort) id-dar b’mod sikur sa 12-il ġimgħa tqala diment li dawn jingħataw struzzjonijiet dwar kif jużawhom u jistgħu jmorru l-isptar jekk ikun hemm bżonn. Jekk se jkollok abort, kun żgur li tfittex għajnuna minn organizzazzjonijiet ta’ fama tajba bħal Women on Web, Women Help Women, jew Abortion Support Network.




X'inhu abort mediku, u kif isir?


L-abort mediku huwa l-użu ta' pilloli (normalment Mifepristone u Misoprostol, iżda Misoprostol jista' jintuża waħdu) biex tintemm it-tqala. Huwa mod sigur u effettiv biex tintemm tqala bikrija. Huwa użat ta' spiss sa 10 ġimgħat tqala, għalkemm l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) aġġornat il-gwida tagħha fl-2020 biex tgħid li n-nisa jistgħu jieħdu pilloli tal-abort id-dar tagħhom sa 12-il ġimgħa tqala. L-abort mediku jirriżulta fl-istess proċess fiżiku bħal korriment. Normalment jinvolvi l-passi li ġejjin: 1. Tittieħed pillola Mifepristone doża ta' 200mg.
2. 24 siegħa wara erba' pilloli ta' Misoprostol doża 200mcg (doża totali: 800mcg) jitqiegħdu taħt l-ilsien għal 30 minuta.
3. Il-korriment jibda fi ftit sigħat minn meta tieħu Misoprostol. Jekk le, il-pass 2 jista' jiġi ripetut u tittieħed it-tieni doża ta' Misoprostol.




Meta jsir abort normalment?


Meta jingħataw l-għażla, in-nisa jaċċessaw is-servizzi tal-abort malajr kemm jista' jkun. Fir-Renju Unit, żewġ terzi tal-abort isiru fl-ewwel 8 ġimgħat tat-tqala, 80% sal-ġimgħa 10 u 92% jitwettqu fl-ewwel 13-il ġimgħa tat-tqala. Jekk iddeċidejt li twaqqaf it-tqala tiegħek, għandek tikseb abort kemm jista' jkun malajr. L-ispejjeż biex ikollok abort jiżdiedu aktar ma tiżviluppa tqala, speċjalment wara 12-il ġimgħa meta l-użu ta' pilloli tal-abort id-dar ma jibqax rakkomandat.




X'inhi anomalija fatali tal-fetu u x'għażliet għandi?


Dijanjosi ta' anomalija fatali tal-fetu tfisser li fetu se jmut fil-ġuf, waqt il-ħlas, jew ftit wara t-twelid. Hemm diversi mard li jaffettwaw il-fetu li jaqgħu taħt din il-kategorija. Hija dijanjosi devastanti għall-mara u l-familja tagħha, u n-nisa affettwati jkollhom jiddeċiedu jekk għandhomx iwelldu jew jagħżlux abort (spiss tard fit-tqala). F’Malta, mara li qed tiffaċċja din is-sitwazzjoni ikollha twelled irrispettivament mix-xewqat tagħha. Jekk din tiddeċiedi li ttemm it-tqala, ikollha tivvjaġġa barra minn Malta biex ikollha aċċess għall-abort. Fir-Renju Unit m'hemm l-ebda limitu sa meta jista' jsir abort f'każijiet ta' anomalija fatali tal-fetu. Abort bħal dan għandu t-tendenza li jkun aktar tard fit-tqala u ġeneralment jiswa aktar minn abort iktar bikri. Ikkuntattja lil Abortion Support Network billi ċċempel 27780991 biex tiddiskuti l-għażliet tiegħek.




Il-fetu jħoss ugigħ waqt abort?


Le. Il-letteratura xjentifika minn ġurnali mediċi rispettabbli dwar dan is-suġġett, inkluża riċerka mir-Royal College of Obstetricians and Gynecologists (RCOG), turi li l-konnessjonijiet fil-moħħ meħtieġa biex jinħass l-uġigħ ma jiffurmawx qabel 24 ġimgħa tqala. Fil-każijiet rari meta l-abort iseħħ wara 22 ġimgħa (minħabba anomalija fatali tal-fetu jew riskju serju għas-saħħa tal-mara tqila), tingħata injezzjoni biex twaqqaf il-qalb tal-fetu qabel ma sseħħ il-proċedura.




Xi tgħid il-liġi ta' Malta dwar l-abort?


F'Malta l-abort huwa projbit f'kull ċirkostanza. Il-Kodiċi Kriminali ta' Malta jgħid hekk: Artiklu 241 (1) Kull min b’ikel, b’xorb, b’mediċini, jew bi vjolenza, jew b’kull mezz ieħor, jikkaġuna l-abort ta’ mara tqila, sew bil-kunsens kemm ukoll mingħajr il-kunsens tagħha, jeħel, meta jinsabħati, il-piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa tliet snin. Artiklu 241 (2) L-istess piena tingħata kontra l-mara li tikkaġuna l-abort fuqha nfisha, jew li tkun qagħdet għall-użu tal-mezzi li bihom l-abort ġie ikkaġunat. Artiklu 243. Kull tabib, kirurgu, ostetriku jew spiżjar illi xjentement ikun wera jew ta l-mezzi li jkunu ikkaġunaw l-abort, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa erba’snin u l-piena tal-interdizzjoni perpetwa mill-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu.




Jista' xi ħadd jiġi mħarrek f'Malta jekk ikollu abort barra l-pajjiż?


Le. Jekk xi ħadd jagħmel abort f'pajjiż ieħor fejn l-abort huwa legali, ma jistax jiġi mħarrek f'Malta. M'hemm xejn fil-Kodiċi Kriminali ta' Malta li jikkriminalizza abort barra mill-pajjiż. Kull pajjiż għandu l-liġijiet tiegħu dwar l-abort, u l-liġi li tapplika hija dik tal-pajjiż fejn isir l-abort.




Nista' niġi mħarrek jekk nagħti informazzjoni dwar servizzi tal-abort?


Le. F'Malta m'hemm l-ebda liġi li tikkriminalizza t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-abort. Fil-fatt, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tiggarantixxi d-dritt ta’ kwalunkwe persuna li tagħti jew tirċievi informazzjoni. Dan id-dritt huwa sanzjonat ukoll fil-Kostituzzjoni Maltija. In-nisa Maltin b’hekk għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar is-servizzi tal-abort, iktar u iktar meta dawn huma legali f’pajjiżi oħra li huma parti mill-Konvenzjoni.




Jista' xi ħadd jiġi mwaqqaf milli jsiefer għal abort?


Le. L-adulti ma jistgħux jiġu pprojbiti milli jitilqu mill-Gżejjer Maltin anke jekk l-awtoritajiet ikunu jafu li għandhom l-intenzjoni li jtemmu tqala.




Veru li nisa li jkollhom abort dejjem iħossu rimors, jew isofru minn mard mentali?


Le, l-evidenza medika hija ċara fuq dan is-suġġett. L-abort ma jheddidx jew jagħmel ħsara lis-saħħa mentali tan-nisa, fil-ħin tal-abort, jew fi kwalunkwe ħin wara. L-iktar sentiment komuni espress wara l-abort huwa serħan tal-moħħ.




Kemm iqum vjaġġ barra minn Malta għal abort?


Ħafna pajjiżi jipprovdu servizzi ta' abort b'xejn jew b'rati sussidjati bħala parti mis-sistema tal-kura tas-saħħa tagħhom, iżda n-nisa minn Malta li jivvjaġġaw għal abort normalment iħallsu privatament bejn 800 Ewro u 2000 Ewro għal proċedura ta' abort kirurġiku, skont kemm hi avvanzata t-tqala, u l-ispejjeż jiżdiedu sostanzjalment wara 14-il ġimgħa. Minbarra l-ispejjeż tal-klinika, hemm ukoll spejjeż tal-kura tat-tfal (jekk ikun hemm tfal fil-familja), spejjeż tal-ivvjaġġar (titjiriet, taxis etc), spejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel. Jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tibbukkja abort barra l-pajjiż, jew ma tistax taffordja l-ispejjeż kollha, Abortion Support Network ikun jista' jgħinek. Tista' ċċemplilhom fuq 27780991.




Kemm nisa Maltin ikollhom abort?


Ħadd ma jaf in-numru eżatt, għax l-istat illegali tal-abort ifisser li m'hemm l-ebda statistika uffiċjali dwar l-abort f'Malta. Ir-Renju Unit biss jiddokumenta uffiċjalment l-abort minn nisa residenti f'Malta, u l-medja hi ta’ 60 fis-sena. Aħna nafu mingħand fornituri tal-pilloli tal-abort li n-numru ta’ nisa minn Malta li jordnaw il-pillola tal-abort online qed jiżdied sew, speċjalment mill-2020 meta ġew implimentati restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Nafu wkoll li n-nisa jivvjaġġaw lejn l-Olanda, Spanja, il-Belġju, l-Italja (Sqallija b’mod partikolari) u pajjiżi oħra u li xi nisa ma jagħtux l-indirizz Malti tagħhom fi kliniki tar-Renju Unit. Aħna nistmaw li kuljum, mara waħda Maltija jkollha abort, imma filwaqt li l-abort jibqa' illegali, iċ-ċifri li għandna dejjem se jkunu biss stima.




Kif nista' nikseb abort?


Jekk għandek inqas minn 10 ġimgħat tqala tista' tikkuntattja Women on Web: www.womenonweb.org jew Women Help Women: www.womenhelp.org u tagħmel l-abort tiegħek stess bil-pilloli d-dar. Il-pilloli tal-abort jistgħu jintużaw id-dar sa 12-il ġimgħa tqala, iżda peress li jintbagħtu minn barra jieħdu bejn 1 u 3 ġimgħat biex jaslu. Abortion Support Network (ASN) ( www.asn.org.uk/malta/) huwa miftuħ għal nies f’Malta li għandhom bżonn jivvjaġġaw għal abort fi klinika barra l-pajjiż. Abortion Support Network joffri informazzjoni dwar l-inqas mod li għali biex tivvjaġġa u jkollok abort, pariri dwar akkommodazzjoni barra minn Malta, u jista' wkoll joffrilek għajnuna finanzjarja jekk ikollok bżonn. Huma joffru wkoll counselling dwar l-abort bit-telefon permezz tal-organizzazzjoni BPAS. Tista' tikkuntattja l-helpline ta' ASN (+356 27780991), jew tibgħat email: malta@asn.org.uk. Il-websajt abortion-clinics.eu tipprovdi listi komprensivi ta’kliniki li joffru servizzi ta’ abort fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Jekk ma tafx minn fejn tibda u trid tiddiskuti l-għażliet tal-abort tiegħek, tista' tikkuntattja lill-Family Planning Advisory Service: www.fpas.mt billi ċċempel 27782758.




Ħadt pilloli tal-abort u għandi bżonn l-għinuna. X'nista' nagħmel?


Ħafna (aktar minn 90%) tan-nisa li jużaw il-pilloli tal-abort fl-ewwel 12-il ġimgħa tat-tqala ma jkollhom bżonn l-ebda assistenza medika, u jistgħu jimmaniġġjaw l-korriment tagħhom stess id-dar. Madankollu, jekk joħroġ demm qawwi (eż.: timla' aktar minn 2 maxi pads f'siegħa għal sagħtejn wara xulxin), jekk għandek uġigħ qawwi li ma jirrispondix għal analġeżiċi sempliċi bħal Ibuprofen, jew tiżviluppa deni jew xi sinjali oħra ta’ infezzjoni, ikollok bżonn tfittex għajnuna medika minnufih. Jekk hija emerġenza tista' tmur l-isptar u tgħid lill-istaff li qed ikollok korriment. Żomm f'moħħok li jekk tgħidilhom li kkawżajt l-korriment billi ħadt pilloli tal-abort, tista' tkun irrappurtata lill-pulizija. M'hemm l-ebda mod biex l-isptar ikun jaf jekk il-korriment huwiex naturali jew ikkawżat minn pilloli, sakemm ma tgħidilhomx int.




X'inhu abort kirurġiku, u kif isir?


Abort mediku, kif spjegat aktar 'il fuq, jinvolvi t-teħid ta' mediċini li jikkawżaw korriment, u l-ġisem imbagħad ineħħi t-tqala bħalma jiġri meta jiġri korriment naturali. Abort kirurġiku, min-naħa l-oħra, jinvolvi l-użu ta' strumenti biex fiżikament titneħħa t-tqala mill-utru. Dan isir fi klinika tal-abort. Minkejja ismu, l-abort kirurġiku ma jinvolvix qtugħ tal-ġilda jew ponti - it-tqala titneħħa mill-vaġina. Għal tqala taħt l-14-il ġimgħa, il-metodu tat-tneħħija huwa l-aspirazzjoni billi jintuża tubu żgħir. Lil hinn minn 14-il ġimgħa, t-tqala titneħħa b'forceps u aspirazzjoni.