top of page
Writer's pictureVoice for Choice

Stqarrija għall-Istampa 02.06.2023: Dan qatt ma kellu jiġri!

Dalgħodu, mara Maltija tressqet il-Qorti wara li ffaċċjat akkużi kriminali li wettqet abort mediku d-dar. Din il-mara kkuntattjat lit-Tobba għall-Għażla (Doctors for Choice) u talbet l-għajnuna, wara li ġiet irrappurtata minn xi ħadd li kienet taf, u ġiet riferuta lit-tim legali tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, li għenuha matul dan il-kalvarju. Illum instabet ħatja u ngħatat ħelsien kundizzjonali għal tliet snin mill-qrati tagħna.


Għandna messaġġ wieħed ċar wara llum: din il-ħaġa se tkompli jiġri. Ħafna drabi nisimgħu fid-diskors pubbliku u politiku li n-nisa qatt ma jiġu mħarrka f’Malta talli jirrikorru għall-abort. Illum rajna b’mod ċar li xi ħaġa bħal din tiġri, ġrat, u tista’ tiġri lil kull persuna tqila li tagħmel abort b’kwalunkwe mezz f’pajjiżna.


Ma nistgħux nitkellmu dwar l-ugwaljanza sakemm in-nisa u n-nies li jistgħu joħorġu tqal li jirrikorru hħall-abort jibqgħu jiġu ttrattati bħala kriminali.


Jekk kien hemm bżonn aktar evidenza li pajjiżna jispikka bħala nazzjon li jikser id-drittijiet tan-nisa, din hi: mara ġiet akkużata b’reat għal xi ħaġa li ġiet rikonoxxuta bħala dritt u kura tas-saħħa essenzjali minn prattikament kull pajjiż demokratiku modern, għexieren ta’ snin ilu, kif ukoll minn kull organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-saħħa fid-dinja.


Il-politiċi tagħna, is-sistema tal-ġustizzja tagħna, is-sistema tas-saħħa tagħna jkomplu jittradixxu n-nisa u lil dawk li jistgħu joħorġu tqal. Niftaħru b’dak li għandu jkun ta’ mistħija.

Kull sena, mijiet ta' nisa Maltin iwettqu abort huma stess. Il-pilloli tal-abort mediku (mifepristone u misoprostol) huma bla periklu u elenkati fil-lista ta' mediċini essenzjali tal-WHO. Madankollu, il-kriminalizzazzjoni tal-abort tfisser li n-nies jinkwetaw meta jirrikorru għall-kura li jkunu jeħtieġu għax jibżgħu mir-riperkussjonijiet legalai (u soċjali). Fin-nuqqas ta' liġijiet li jħarsuhom, iħossuhom weħidhom - beżgħana li jitkellmu u li jfittxu l-għajnuna.


Dan il-każ huwa eżempju ta’ kif l-istituzzjonijiet u l-forzi tal-istat ikunu kompliċi fil-persekuzzjoni ta’ persuna abbażi tas-sess u l-ġeneru. Dan il-każ huwa ksur tad-dritt għall-awtonomija tal-ġisem, il-ħajja tal-familja u għall-privatezza. Ma kien xejn inqas minn perversjoni tal-ġustizzja.


Ma nistgħux nitkellmu dwar l-ugwaljanza sakemm in-nisa u l-persuni li jistgħu joħorġu tqal jibqgħu jitqiesu mill-istat bħala inkubaturi u ċittadini tat-tieni klassi.


Bħala l-koalizzjoni Vuċi għall-Għażla, nappellaw lill-istat biex jiddekriminalizza l-abort illum qabel għada.


Nappellaw ukoll lil dawk kollha li jħobbu lil xi ħadd li jista’ jinqabad tqil biex jieħdu pożizzjoni kontra din l-inġustizzja.


Academics for Choice

Grandparents for Choice (Nanniet għall-Għażla)

コメント


bottom of page